ISSA LI INT TIFKIRA

 

Min jaf  jekk terġax tħaffer

fl-għelieqi mwebbsa ta’ għajnejja

maħruqa bil-kesħa, tqalleb

it-tub bil-għatx  tad-diqa,

u terġa’ ċċaqlaq għeruq kotrana

ta’ sikta li llum tbiegħdet.

 

Dan dubju li jgerrem minn ġewwa

u li xorta jroddli

ħjiel ta’ ħajja, karita’ għanja

biex inrabbi dellijiet ta’ tama

issa li int tifkira.